News

Viżta ta’ l-E.T. Mons. Enrico dal Covolo SDB, ir-Rettur tal-Università Pontifiċja tal-Lateran

Fl-għodwa tal-Ħamis 1 ta’ Novembru 2012 żar is-Seminarju l-E.T. Mons. Isqof Enrico dal Covolo, ir-Rettur tal-Università Pontifiċja tal-Lateran.  Hu kien jinsab Malta biex imexxi xi konferenzi.  Waħda minn dawn il-konferenzi saret fis-Seminarju ta’ Għawdex u kienet indirizzata lill-kleru, lir-reliġjużi u lis-seminaristi Għawdxin.  It-tema tal-konferenza kienet La sintesi tra consacrazione e missione nella vita del ministro ordinato.  Il-laqgħa saret fl-okkażjoni tal-mija u sitta u erbgħin anniversarju mit-twaqqif tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù (li jaħbat proprju l-Ħadd 4 ta’ Novembru).

Tul il-laqgħa Mons. dal Covolo spjega kif mal-mixja tal-istorja tal-Knisja  ̶  mill-istess bidu tagħha (fil-mandat ta’ Ġesù Kristu); tul iż-żmien tal-Iskola ta’ Antijokja (b’mod speċjali Sant’Injazju t’Antijokja u San Ġwann Krisostmu); wara, fil-ħsieb ta’ Santu Wistin; fil-Konċilju Vatikan II permezz tad-Digriet Presbyterorum Ordinis; u anke fl-Eżortazzjoni Post-Sinodali Pastores Dabo Vobis  ̶  dejjem ġiet ippreżentata unità sħiħa bejn il-konsagrazzjoni tal-ministru ordnat (l-għaqda intima bejn is-saċerdot u Ġesù Kristu) u l-missjoni tiegħu (is-saċerdot li jirgħa l-merħla ta’ Ġesù).  Tul il-konferenza Mons. dal Covolo spjega kif il-Konċilju Vatikan II, biex juri li m’hemmx qasma bejn il-konsagrazzjoni u l-missjoni tas-saċerdot, ma esprimiex ruħu b’termini ġodda imma uża l-massima ta’ Santu Wistin:  “Sit amoris officium pascere dominicum gregem” (li tirgħa l-merħla tal-Mulej għandu jkun dmir ta’ mħabba).  Kemm Sant’Injazju ta’ Antijokja u San Ġwann Krisostmu bix-xhieda ta’ ħajjithom u bil-kitbiet tagħhom kienu diġà affermaw dak li stqarr Santu Wistin.  Il-Papa Ġwanni Pawlu II ikkonferma dan kollu fl-Eżortazzjoni Pastores Dabo Vobis 23, meta qal:  “La carità pastorale è quella virtù con la quale noi imitiamo Cristo nella sua donazione di sé e nel suo servizio.  Non è soltanto quello che facciamo, ma il dono di noi stessi, che mostra l’amore di Cristo per il suo gregge”.

Fl-intervent tiegħu Mons. Isqof Mario Grech (li għadu kif irritorna mis-Sinodu dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida) ikkonferma li dak li stqarr Mons. Enrico dal Covolo hu l-ispirtu tas-saċerdot ministerjali li l-Knisja kkontemplat fis-Sinodu.  Hu ħeġġeġ għalhekk lill-kleru preżenti biex jagħmel eżami tal-kuxjenza, anke fid-dawl ta’ dak li Dun Mikiel Attard kien jgħid lis-seminaristi u lill-qassisin:  “wieħed ma jsirx saċerdot dakinhar tal-ordinazzjoni; isir saċerdot b’mixja gradwali, minn ġurnata għal ġurnata”.

L-E.T. Mons. Isqof Enrico dal Covolo baqa’ mal-komunità għall-ikel.

 

Ritratti

Share it on