Bidu ta’ Sena oħra ta’ Formazzjoni fis-Seminarju

Wara waqfa twila għaż-żmien tas-sajf, il-komunità tas-Seminarju reġgħet inġabret għal sena ġdida ta’ formazzjoni. Għalkemm is-sajf huwa żmien ta’ mistrieħ, il-komunità żammet l-impenn li tiltaqa’ darba fix-xahar għal nofs ta’ nhar irtir. Dawn l-irtiri saru f’dar Stella Maris fiż-Żebbuġ. L-ewwel wieħed ġie mmexxi mill-Viċi-Rettur Dun Gabriel Gauci u l-ieħor mill-pastoral mentor Dun Giovanni M. Curmi.

Is-Seminarju reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu nhar it-Tnejn 23 ta’ Settembru. Fl-4.00pm, ir-Rettur Dun Richard-Nazzareno Farrugia mexxa s-sagrifiċċju tal-quddiesa. Wara, is-seminaristi qasmu flimkien l-esperjenzi li għaddew minnhom matul is-sajf.

 

L-għada, jiġifieri it-Tlieta 24 ta’ Settembru, il-komunità marret għal irtir ġewwa l-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina, li dam sas-Sibt ta’ dik il-ġimgħa. Mexxa l-irtir Dun Daniel Sultana, li hu s-Segretarju Pastorali Djoċesan. Is-silta li fuqha kien ibbażat dan l-irtir kienet is-sejħa ta’ Ġesù lill-ewwel dixxipli, mill-Vanġelu skont San Luqa (Lq 5, 1-11).

 

It-Tnejn ta’ wara, jiġifieri fl-1 ta’ Ottubru, il-ħajja fis-Seminarju qabdet ir-ritmu normali. Ingħata bidu uffiċċjali tas-sena akkademika 2019-2020, nhar il-Ħamis 10 ta’ Ottubru 2019, permezz tal-Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu li tmexxiet mir-Rettur. Għal din il-quddiesa kienu mistiedna l-lecturers, il-familji tas-seminaristi u l-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju. Wara l-quddiesa kien hemm bibita ġewwa s-Sala tas-Seminarju.