L-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju

Fit-8 ta’ Diċembru (2010), festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, ġie mwaqqaf il-grupp ‘L-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju’, bil-għan li jgħin lis-Seminarju Maġġuri tad-djoċesi tagħna fil-ħtiġijiet spiritwali u materjali tiegħu. L-isem tal-grupp kien ispirat mill-ikona tat-tliet aħwa ħbieb ta’ Ġesù, li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, jiġifieri Marta, Marija u Lazzru. Lil dawn “Ġesù kien iħobbhom ħafna” (Ġw 11:5).

Marta kienet dik li laqgħet għandha lil Ġesù (Lq 10:38) u qagħdet isservih (Ġw 12:2). Oħtha Marija kienet dik li qagħdet f’riġlejh tisimgħu (Lq 10:38-42) u dilkitlu riġlejh biż-żejt ifuħ (Ġw 12:3). Ħuhom Lazzru kien dak li Ġesù qajjmu mill-mewt (Ġw 11:4.43-44) u hekk wera l-glorja tiegħu, u mbagħad qagħad fuq il-mejda miegħu (Ġw 12:2). It-tlieta li huma, b’xi mod, għenu lil Ġesù fil-ministeru tiegħu.

Imnebbah minn din il-familja ta’ aħwa ħbieb ta’ Ġesù, is-Seminarju tagħna xtaq li jkollu madwaru familja ta’ ħbieb li jgħinuh fil-formazzjoni tas-seminaristi għas-saċerdozju. Wara li tqassmet stedina fil-familji kollha Għawdxin, 58 persuna taw isimhom biex jagħmlu parti minn dan il-grupp, fosthom tlettax-il koppja.

L-għanijiet preċiżi ta’ dan il-grupp huma tlieta:

Grupp Ahwa Hbieb tas-Seminarju 2(a) Li jakkumpanja spiritwalment lis-seminaristi fil-formazzjoni tagħhom għas-saċerdozju u jitlob għall-vokazzjonijiet.

Fid-dar tal-aħwa ħbieb tiegħu, Ġesù jfaħħar lil Marija għax “għażlet l-aħjar sehem” meta “qagħdet f’riġlejh tisimgħu” (Lq 10:42). Fuq l-eżempju ta’ Marija, ‘L-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju’ ġew imsejħin biex l-ewwelnett jakkumpanjaw lis-seminaristi bit-talb tagħhom u jitolbu għall-vokazzjonijiet.

Dan qed jagħmluh permezz tal-“adozzjoni spiritwali” ta’ seminarista li ġie assenjat lilhom (imma li ismu ma jafuhx), u huma msejħin biex kuljum jitolbu u joffru sagrifiċċji għalih.

Ġew imsejħa wkoll biex darba fil-ġimgħa jsibu nofs siegħa, preferibilment fil-jum tal-Ħamis, biex joqgħodu f’riġlejn Ġesù Ewkaristija u joffrulu l-adorazzjoni tagħhom b’talb għas-seminaristi, għall-vokazzjonijiet u għall-qdusija tas-saċerdoti. Jistgħu jagħmlu dan billi jissieħbu fl-adorazzjoni li diġà ssir fil-parroċċi.

Barra minn hekk, darba fix-xahar qed jattendu għal laqgħa ta’ talb bil-Kelma t’Alla, f’forma ta’ lectio divina, li qed issir apposta għalihom fis-Seminarju kull tielet Ħamis tax-xahar.

(b) Li jgħin lis-Seminarju fid-diversi ħtiġijiet materjali tiegħu.

Bħal Marta li “bdiet isservi” lil Ġesù (Ġw 12:2), ‘L-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju’ huma msejħin ukoll biex igħinu lis-Seminarju fil-ħtiġijiet materjali tiegħu.

Dan qed jagħmluh billi jgħinu fl-organizzazzjoni ta’ fund-raising b’risq is-Seminarju, kif ukoll billi minn żmien għall-ieħor joffru minn rajhom, jew meta jiġu msejħa, xi servizz volontarju jew xogħol manwali ieħor fis-Seminarju, skont il-possibiltà u l-kapaċitajiet tagħhom.

(c) Li joħloq aktar sensibiltà dwar is-Seminarju fl-ambjenti tal-ħajja ta’ kuljum.

Wara li Ġesù qajjem lil Lazzru mill-mewt, “ħafna mil-Lhud li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih” (Ġw 11:45). Wara dik l-esperjenza qawwija ta’ Ġesù, Lazzru, bla ma ried, sar appostlu tiegħu, tant li “l-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù” (Ġw 12:10-11).

Bħal Lazzru, ‘L-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju’ huma msejħin biex isiru appostli fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u hekk jagħmlu aktar preżenti lis-Seminarju fil-parroċċi u fl-ambjenti li jgħixu fihom. Dan jagħmluh l-ewwelnett bix-xhieda ta’ ħajja mimlija ħeġġa u mħabba għas-Seminarju, għall-vokazzjonijiet u għas-saċerdoti. Imbagħad billi, meta u jekk jiġu mitluba, iqassmu xi materjal stampat marbut mas-Seminarju, dejjem f’kollaborazzjoni mas-Seminarju u bil-kunsens tal-Kappillani.

Huwa maħsub li l-grupp jibqa’ dejjem miftuħ għal membri ġodda u għalhekk min huwa nteressat jista’ jċempel fuq: 21556479. Huma mistiedna b’mod partikulari persuni lajċi, singoli jew koppji, li għandhom għal qalbhom is-Seminarju u l-vokazzjonijiet, anke dawk li diġà qegħdin f’mixja ta’ fidi fil-parroċċa tagħhom. Anzi, il-grupp ‘L-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju’ jinkuraġġixxi ħafna li l-membri tiegħu jagħmlu mixja kontinwata ta’ fidi fil-parroċċi rispettivi tagħhom.