Katina ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet

Picture1Sejħa lil dawk li qed ibatu

 

Fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa 2014, is-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù nieda katina ta’ talb għall-vokazzjonijiet permezz ta’ “Sejħa lil dawk li qed ibatu”. Intbgħatet sejħa fid-djar kollha Għawdxin fejn, dawk li qed ibatu, ġew mistiedna joffru t-tbatija tagħhom għall-vokazzjonijiet. Huma ġew mistiedna jissieħbu f’din il-katina ta’ talb billi jimlew formola apposta u jimpenjaw ruħhom li jgħidu kuljum it-Talba proposta lilhom: Offerta tat-Tbatija għall-Vokazzjonijiet. S’issa madwar 250 persuna ssieħbu f’din il-katina ta’ talb. B’dan il-mod dawn ħutna qed jgħarfu l-valur tat-tbatija tagħhom u jagħtuha skop, waqt li jħossuhom membri aktar utli fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, li hu l-Knisja. Magħqudin spiritwalment f’din il-katina ta’ talb, dawn ħutna qed joffru wkoll sapport lil xulxin fit-tbatija tagħhom. Min-naħa tagħna nitolbu għalihom kuljum bħala komunità tas-Seminarju. Jekk xi ħadd jixtieq jissieħeb f’din il-katina jista’ jimla l-formola msemmija u jibgħatha fuq: Katina ta’ talb għall-vokazzjonijiet, Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, Victoria VCT 2042, Għawdex, jew jikkuntattjana fuq 2155 6479.

Katina ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet – Formola għal persuna waħda

Katina ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet – Formola għal aktar minn persuna waħda