Informazzjoni

Il-Librerija Teoloġika tal-Seminarju

Il-librerija tas-Seminarju b’xi mod ilha teżisti sa mit-twaqqif tiegħu. Żgur li minn dejjem kienet teżisti ġabra ta’ kotba li l-kandidati għall-presbiterat użaw għall-formazzjoni tagħhom. Illum, din il-librerija tinsab fit-tielet sular tas-Seminarju, li jiġu eżatt fuq il-bini tas-Seminarju minuri, iżda mhux minn dejjem kienet hemm. Matul is-snin imxiet f’diversi postijiet u aktar ma bdew jiżdiedu l-kotba, iktar inħasset il-ħtieġa ta’ spazju ikbar fejn wieħed jista’ jqiegħed din il-ġabra ta’ kotba b’mod organizzat.

F’dawn l-aħħar ħamsa u tletin sena, bit-tħabrik tal-Isqof Nikol Ġużeppi Cauchi u ħafna persuni oħra, il-librerija tagħna żviluppat mhux ħażin. Il-kotba kollha ġew klassifikati skont il-Universal Decimal Classification (U.D.C.), liema klassifikazzjoni hija aċċettata fid-dinja kollha. Fl-1996 beda l-proċess biex l-informazzjoni dwar il-kotba kollha tal-librerija tiġi inserita f’database. Iż-żewġ taqsimiet il-kbar tal-librerija huma l-Filosofija u t-Teoloġija. Fit-taqsima tal-Filosofija nsibu kotba dwar il-Metafiżika, Sistemi Filosofiċi, Loġika, Etika, Estetika, Storja tal-Filosofija, Kożmoloġija, Teodiċea u anke Psikoloġija. Fit-taqsima tat-Teoloġija imbagħad, insibu kotba dwar l-Iskrittura Mqaddsa, Kristoloġija, Marjoloġija, Teoloġija Morali, Teoloġija Pastorali, Ekkleżjoloġija u Liturġija.

Minbarra dawn it-taqsimiet il-kbar insibu taqsimiet żgħar oħra bħal, Soċjoloġija, Storja tal-Knisja, Liġi Kanonika, Dokumenti uffiċjali tal-Maġisteru u Patrisitika. Fil-kuritur ta’ maġenb il-librerija, imbagħad, wieħed isib in-numru kbir ta’ kotba ta’ referenza: enċiklopediji dwar ħafna suċċetti, dizzjunarji u kummentarji. F’dan il-kuritur wieħed isib ukoll numru kbir ta’ pubblikazzjonijiet li matuul is-snin nirċievu fis-Seminarju u li mbagħad jiġu miġbura f’kotba skont is-sena partikulari.

Fil-librerija nsibu wkoll xi kollezzjonijiet utli, pereżempju l-Collana di Testi Patristici (Città Nuova Editrice, Roma 1999) u Kollezzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Qrati Superjuri ta’ Malta, sensiela li mhux la kemm wieħed isibha. Fuq in-naħa ta’ ġew tal-librerija hemm l-arkivju fejn hemm miżmum numru sabiħ ta’ kotba antiki li kienu jintużaw qabel ir-riforma tal-Konċilju Vatikan II u li llum huma ta’ valur siewi ħafna minħabba l-istorja. Fost l-oħrajn insemmu ġabra t’omeilji u rapporti li ħarġu mill-uffiċċju meteoroloġiku li kien jeżisti fis-Seminarju.

Bħala faċilità għall-użu tal-librerija, wieħed jista’ jinnota li f’diversi partijiet tal-librerija, hemm l-iskema tad-diviżjoni u l-klassifikazzjoni tal-kotba. B’dan il-mod wieħed ikun jista’ jmur faċilment f’di’ il-parti min fejn jixtieq jagħmel il-riċerka tiegħu. Barra minn dan, ħdejn il-bieb tal-librerija, wieħed għandu jsib kxiexen bil-kartolini tal-kotba kollha li hemm fil-librerija, imqassmin f’ordni alfabetiku, skont l-awtur. B’dan il-mod wieħed jista’ faċilment isib malajr il-ktieb li jkun qed ifittex u jmur f’dik it-taqsima tal-librerija mill-ewwel. Biex wieħed jissellef xi ktieb, sempliċiment jiffirma fuq il-Borrower’s Card li tinsab f’kull ktieb li jista’ jiġi misluf u jħalliha mal-librar. Xi wħud mill-kotba, minħabba l-użu frekwenti tagħhom, ma jistgħux jiġu mislufa. Ġeneralment dawn huma l-kotba għar-referenza.

Għalina s-seminaristi l-librerija hija indispensabli. Dan għaliex hemmhekk insibu ħafna kotba meħtieġa għall-formazzjoni akkademika tagħna, l-aktar meta nkunu rridu nippreżentaw xi teżina bħala parti mill-istudji tal-Filosofija u t-Teoloġija. Iżda barra mis-seminaristi, din il-librerija hija miftuħa wkol għal kull min jixtieq jagħmel xi xogħol ta’ riċerka.