Sena Propedewtika

L-esperjenza tas-Sena Propedewtika, hija sena ta’ riflessjoni u tħejjija qabel is-snin ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri. Dan sar fid-dawl ta’ dokument li kienet ħarġet il-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika fl-1 ta’ Mejju 1998.

Statut:

1. L-AMMISSJONI GĦAS-SENA PROPEDEWTIKA

1.1 Fi tmiem il-Preseminarju (wara t-tieni sena VIth Form) l-istudent jista’ jressaq it-talba tiegħu. Isir l-iscreening u l-Board jiddeċiedi:

1.1.1 jekk l-istudent għandux il-kwalitajiet meħtieġa u l-maturità suffiċjenti biex jibda s-sena propedewtika;

1.1.2 jew, jekk l-istudent juri kontro-indikazzjonijiet ċari, allura t-talba tiegħu tiġi miċħuda;

1.1.3 jew, jekk m’hemmx kontro-indikazzjonijiet ċari imma jinħass il-bżonn li l-istudent ikompli jimmatura, jiġi mitlub jagħmel kors fl-Università jew f’Istitut ieħor ta’ edukazzjoni terzjarja. F’każ ta’ diffikultà, minflok dan l-istudju l-istudent jista’ jagħmel esperjenza oħra li tgħinu jikseb il-maturità meħtieġa (xogħol, volontarjat, eċċ.). Kull għażla teħtieġ l-approvazzjoni tar-Rettur b’konsultazzjoni mad-Direttur tal-Preseminarju.

1.2 Fil-każ ta’ n.1.1.3 l-istudent jista’ jibqa’ jattendi l-Preseminarju. Matul dan iż-żmien tiġi provduta lilu l-għajnuna ta’ Counsellor u Direttur Spiritwali. Jekk wara li jerġa’ jressaq it-talba tiġi aċċettata, l-istudent jiġi eżentat mis-sena propedewtika imma jiġi mitlub jagħmel il-korsijiet preparatorji imsemmija f’n.2.2.7.

2. IS-SENA PROPEDEWTIKA

2.1 L-għanijiet ta’ din is-Sena huma:

2.1.1 li tgħin lill-istudent jimmatura aktar fil-kwalitajiet umani u spiritwali bażiċi meħtieġa għall-formazzjoni;

2.1.2 li tgħinu jsir aktar konvint mis-sejħa tiegħu billi jiċċara l-motivazzjonijiet tiegħu;

2.1.3 li tgħinu jitħejja għall-istil ta’ ħajja li titlob minnu l-formazzjoni fis-Seminarju.

2.2 Il-mezzi li bihom l-istudent jista’ jilħaq dawn l-għanijiet matul din is-Sena huma:

2.2.1aktar żmien għar-riflessjoni personali dwar il-vokazzjoni tiegħu;

2.2.2 laqgħat regolari mad-Direttur tal-Propedewtika u mad-Direttur Spiritwali;

2.2.3 jingħata bażi soda għall-ħajja tat-talb, sew personali u sew komunitarju;

2.2.4 isir familjari ma’ l-għejjun tal-ħajja spiritwali;

2.2.5 l-esperjenza ta’ ħajja komunitarja;

2.2.6 tħejjija għall-istudju tal-Filosofija u t-Teoloġija permezz ta’ korsijiet preparatorji u l-istudju ta’ xi lingwi (bħal-Latin, eċċ);

2.2.7 esperjenza ta’ xogħol u volontarjat.

2.3 Matul din is-sena l-istudent jgħix flimkien ma’ sħabu l-oħra tas-Sena Propedewtika, għal xi ġranet matul il-ġimgħa, f’post distint mis-Seminarju, taħt id-direzzjoni ta’ saċerdot magħżul mill-Isqof bħala Direttur tal-Propedewtika u li jkun jgħix magħhom.

2.4 F’każ li f’xi sena n-numru ta’ studenti fil-Propedewtika jkun ta’ wieħed biss, il-Board tas-Seminarju jista’ jfassal programm personalizzat.

2.5 Fi tmiem is-Sena ssir verifika tal-mixja li l-istudent ikun wettaq u tingħatalu r-risposta definittiva jekk jibdiex il-formazzjoni fis-Seminarju. Jiġi vverifikat, fost l-oħrajn, jekk l-istudent huwiex tabilħaqq konvint mis-sejħa tiegħu, huwiex dispost li jikber u jifforma ruħu, huwiex lest li jaċċetta l-istil ta’ ħajja tas-Seminarju.