Programm Vokazzjonali

Matul is-sena, is-Seminarju jorganizza diversi attivitajiet vokazzjonali  għal-ġuvintur ta’ etajiet differenti taħt it-tmexxija tal-Direttur Djoċesan għall-vokazzjonijiet.  Kull xahar jiġi organizzat live-in għal dawk li ghandhom ‘l fuq minn 16-il sena, f’xi dar tal-irtiri li għandna fid-Djoċesi u madwar erba’ darbiet fis-sena jiġu organizzati laqgħat għal dawk li għandhom 15-il sena jew aktar.

Tliet darbiet fis-sena, is-Seminarju jorganizza laqgħa vokazzjonali segwita minn attività rikreattiva/edukattiva għal ġuvintur ta’ bejn it-8 u 18-il sena. Darbtejn fis-sena, is-Seminarju jorganizza wkoll laqgħa oħra għal dawk ‘l fuq minn 15-il sena fejn jaqsmu mumenti ta’ talb mas-seminaristi, segwiti mill-ikla ta’ filgħaxija u attivitajiet sportivi.

Barra minn hekk, kull simestru s-Seminarju jorganizza ġimgħa ta’ talb għall-vokazzjonijiet f’waħda mill-parroċċi tad-Djocesi. Fl-aħħar tal-ġimgħa, il-komunità tas-Seminarju Maġġuri tingħaqad mal-komunità parrokkjali sabiex tiċċelebra l-Ewkaristija. Ir-Rit tal-Lettorat u l-Akkolitat, flimkien mar-Rit tal-Ammissjoni għall-Ordinazzjoni Saċerdotali jiġu wkoll iċċelebrati f’parroċċi differenti, bl-iskop li tinħoloq sensibilità vokazzjonali u b’hekk jiżdiedu il-vokazzjonijiet. Kull nhar ta’ Ħamis, f’ħafna mill-parroċċi tiġi ċċelebrata siegħa ta’ Adorazzjoni Ewkaristika għal dan l-istess għan.

Is-seminaristi nfushom għandhom rwol importanti biex jippromovu il-vokazzjonijiet permezz tal-preżenza tagħhom fil-parroċċi fejn iwettqu xogħol pastorali kemm fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll matul il-vaganzi. Kull ġimgħa huma jorganizzaw laqgħat vokazzjonali fil-parroċċi rispettivi tagħhom għall-ġuvintur ta’ bejn it-12 u 18-il sena.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġobkom ċemplu fuq (+356) 21556479.