News

Laqgħa dwar il-kura tal-ambjent

Nhar l-Erbgħa, 21 ta’ Novembru, saret laqgħa fis-Seminarju dwar il-ħarsien tal-ambjent u l-importanza tar-riċiklar u s-separazzjoni tal-iskart.  Din il-laqgħa tmexxiet mis-Sinjura Mary Mercieca , impjegata tal-WasteServ.  Hija spjegatilna xi jsir mill-iskart f’pajjiżna. Id-diversi impjanti li għandna f’pajjiżna jagħmlu xogħlijiet differenti.  Aktar ma nnaqsu l-konsum ta’ skart li f’pajjiżna ma jistax jiġi maħdum mill-ġdid, inqas ikollu problemi l-pajjiż.  Il-materjal organiku jista’ jintuża biex jittieħdu minnu gassijiet li jiġġeneraw l-elettriku u wara, dak li jibqa’ jintuża bħala kompost.  Il-metall u l-plastik jiġi kompressat u jinbiegħ barra minn Malta.  Rajna wkoll kif il-miżbla tal-Magħtab illum qed tiġi riġenerata bil-mod.  Ġejna konxji wkoll minn kemm għażliet ħziena jistgħu jħallu riperkussjonijiet twal fuq l-ambjent.  Minkejja li l-Magħtab ilu magħluq diversi snin, xorta għad baqa’ diversi gassijiet ħerġin minnu.  Il-WasteServ ħadmet sistema ta’ pajpijiet u turbini li jiġbdu dawn il-ġassijiet u minnhom joħolqu l-enerġija.  Dan jimpenjana biex inkunu responsabbli ta’ għemilna u nieħdu ħsieb tal-ambjent bl-aħjar mod li nistgħu, kemm b’rispett lejn il-bqija tal-umanità imma fuq kollox għaliex il-ħloqien huwa rigal li Alla ta lill-bniedem bid-dmir li jħarsu u jieħu ħsiebu.

Share it on