KIF TISTA’ TGĦINNA

Ir-Rettur, staff u seminaristi huma grati ħafna lejn il-benefatturi li jgħinu s-Seminarju fil-missjoni tiegħu li jipprepara saċerdoti għas-servizz tal-Knisja. Biex jitħallsu l-ispejjeż kollha, is-Seminarju jiddependi kompletament fuq il-ġenerożità tagħkom il-benefatturi bħala sinjal tal-Providenza Divina.

“Kull wieħed jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7)

Tista’ tgħin b’modi differenti:

Billi toffri borża ta’ studju

Bl-offerta ta’ €600 inti tista’ tagħmel borża ta’ studju fis-Seminarju tagħna u hekk tkun qed tgħin seminarista fil-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju.  Tista’ toffriha waħdek jew tistieden oħrajn jingħaqdu miegħek, bħal membri tal-istess familja jew ħbieb jew sħabek fuq ix-xogħol, eċċ.

Billi tagħmel offerta f’xi okkażjoni partikolari

Per eżempju, fl-okkażjoni tal-mewt ta’ xi persuna għażiża għalik tista’ titlob lin-nies biex minflok fjuri jagħmlu offerta lis-Seminarju tagħna.  Jew inkella inti stess f’dik l-okkażjoni tagħmel offerta b’suffraġju tal-għeżież tiegħek.  Tista’ tagħmel dan ukoll f’okkażjonijiet oħra, bħal Magħmudija, l-Ewwel Tqarbina, Griżma tal-Isqof, Tieġ, eċċ.

Billi tagħmel legat ta’ Quddies

Tista’ tħalli s-somma li tixtieq biex bl-imgħax tagħhom isir quddies skont l-intenzjoni tiegħek għal ħamsa u għoxrin sena.  Meta jgħaddi dan iż-żmien is-somma kapitali tgħaddi bħala donazzjoni lis-Seminarju.

Billi tiftakar fis-Seminarju fit-testment tiegħek

Ġieli kien hemm min anke fit-testment tiegħu ftakar fis-Seminarju u ħallielu parti mill-ġid tiegħu.  Jekk taħseb li tista’ tagħmel dan tkun ħaġa tajba ħafna, basta ma tinsiex lil dawk li int obbligat lejhom.

Billi tagħmel offerta libera

Tista’ tgħin ukoll billi tibgħat sempliċement offerta lis-Seminarju, skont ma tista’ billi tgħaddihom lil xi wieħed mis-saċerdoti jew billi tpoġġihom fil-kont bankarju

APS:            Account Number: 2000162755-8

IBAN Number: MT27APSB77035008161820001627558

Jekk tixtieq aktar informazzjoni tista’ ċċempel fuq: 2156 5703 jew 2155 6479 jew inkella tgħaddi personalment is-Seminarju.  Inroddulek ħajr u nwegħduk it-talb umli tagħna ta’ kuljum.