Mission Statement

Is-Seminarju Maġġuri jilqa’ kandidati għas-saċerdozju ministerjali.  Hu joffrilhom programm ta’ formazzjoni f’konformità mal-ispirtu tal-Knisja Kattolika, mingħajr ma jonqos li jikkunsidra l-bżonnijiet u l-potenzjal tal-komunità Nisranija lokali.

Hu joħloq l-ambjent neċessarju fejn l-istudenti jistgħu jkomplu jimxu ’l quddiem fil-vokazzjoni tagħhom u anke biex tingħata lilhom il-formazzjoni umana, spiritwali, teoloġika u pastorali.  Dan kollu hu essenzjali biex l-istudenti jiġu ffurmati fil-karità pastorali u biex ’il quddiem iwettqu b’mod effettiv il-ministeru tas-saċerdozju Kattoliku.

Is-Seminarju jagħmel minn kollox biex jgħin lill-istudenti jrawmu fihom l-unità fraterna li tgħaqqad il-presbiterju djoċesan mal-isqof tiegħu, u kif ukoll jgħinhom isiru dejjem aktar konxji mill-qagħda multi-kulturali tas-soċjetà kontemporanja.  Hekk hu jrawwam fihom sens qawwi ta’ missjoni universali.  Barra minn hekk is-Seminarju jwettaq il-promozzjoni għall-vokazzjonijiet ġodda u jgħin fil-formazzjoni kontinwata tas-saċerdoti.

 

Is-Siġill tas-Seminarju 

Is-siġill tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù huwa maqsum orizzontalment fi tnejn.  Il-parti ta’ fuq hija ta’ lewn id-deheb li fuqha jidher salib tat-tip crux furca ta’ lewn aħmar li fiċ-ċentru tiegħu għandu ktieb miftuħ bl-ittri griegi A (alpha) u Ω (omega) miktuba fuqu.  It-tmien ponot tal-crux furca jirrappreżentaw il-beatitudnijiet, li joħorġu mit-tħaddin tal-fidi.  Il-ktieb bis-sinjali A u Ω, li jirreferu għal Kristu bħala l-bidu u t-tmiem ta’ kollox, huwa simbolu tal-Kelma ta’ Alla imma wkoll tax-xjenzi sagri, li għandhom lill-persuna ta’ Kristu bħala l-għajn u l-iskop tagħhom.  Is-salib u l-ktieb jirrappreżentaw l-ideal tas-seminarju li jgħaqqad l-istudju tax-xjenzi sagri mal-għixien tal-valuri evanġeliċi.  Barra minn hekk, is-Salib u l-Evanġelu huma t-triq li fuqhom irid jimxi kull min huwa msejjaħ minn Kristu għas-saċerdozju.  Il-parti t’isfel turi l-arma t’Għawdex – sfond lewn il-fidda, bi tliet għoljiet suwed li huma wieqfa fuq sitt linji mmewġa li jalternaw bejn l-iswed u l-fidda.  Is-siġill juri wkoll il-motto tas-Seminarju – VIRTUTE ET LABORE – li t-traduzzjoni tiegħu tfisser “bil-għaqal u l-ħidma”.