News

Il-Kardinal Prospero Grech OSA fostna għall-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù

Qalb ta' GesuHekk kif ġiet fi tmiemha s-sena akkademika, is-seminaristi bħalissa għaddejjin bl-eżamijiet tagħhom.  Dan hu żmien ta’ ħidma intensiva għal kull student.  Is-seminaristi bdew l-eżamijiet it-Tlieta 4 u se jispiċċawhom il-Ħamis 13 ta’ Ġunju.

Nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju l-komunità tas-Seminarju ngħaqdet mad-dinja kollha fiċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù.  Għalina, din hi festa speċjali.  L-ewwel u qabel kollox għax is-Seminarju jġib l-isem tal-Qalb ta’ Ġesù.  Barra minn hekk jum is-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù hu jum dinji ta’ talb għall-qdusija tas-saċerdoti.  Il-Ġimgħa filgħodu r-Rettur, Dun Daniel Xerri mexxa l-quddiesa, li għaliha kienu mistiedna l-membri kollha tal-istaff tas-Seminarju Maġġuri.  Fl-omelija tiegħu Dun Daniel stqarr li Ġesù hu r-ragħaj it-tajjeb: li jagħti l-ħajja tiegħu għal kull nagħaġa.  Min-naħa tagħna aħna mistednin naċċettaw din l-imħabba infinita ta’ Kristu.  Is-saċerdot hu msejjaħ biex fuq l-eżempju ta’ Ġesù jwassal l-imħabba t’Alla lil kull persuna.

Community with Crdinal Prospero GrechL-Eminenza Tiegħu, il-Kardinal Malti, Prospero Grech osa kien fostna f’Għawdex għall-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu bħala kardinal.  Il-Ġimgħa filgħaxija ngħaqad mas-saċerdoti u r-reliġjużi Għawdxin għal mument ta’ talb fil-Knisja Parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana.  Is-Sibt filgħodu, Festa tal-Qalb bla tebgħa ta’ Marija, ġie s-Seminarju u ċċelebra magħna l-Ewkaristija.  Għal din il-quddiesa kien hemm ukoll Mons. Isqof Mario Grech.  Fil-prietka l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Grech ikkwota lill-Papa Franġisku u qal li t-talba tar-rużarju hi mezz mill-aktar effikaċji biex is-saċerdot jibqa’ fidil u magħqud m’Alla fil-ministeru tiegħu.  Hu kompla billi spjega vers vers it-talba tal-Ave Maria.  Permezz ta’ din it-talba aħna nkunu nitolbu lil Ommna Marija tidħol għalina quddiem Alla f’kull mument ta’ ħajjitna, speċjalment fil-mument ta’ mewtna.  Wara l-Ewkaristija l-Kardinal Prospero Grech baqa’ magħna għall-kolazzjon.

Share it on