Il-153 Anniversarju mill-Ftuħ tas-Seminarju u Ikla ta’ Ringrazzjament lil Sr Pierantonia Muscat

Fl-4 ta’ Novembru 1866, bħal-lum 153 sena ilu s-Seminarju fetaħ għall-ewwel darba l-bibien tiegħu. Proprju llum il-Knisja tiċċelebra wkoll it-tifkira ta’ San Karlu Borromeo, wieħed mill-qaddisin riformaturi kbar ta’ żmien il-Konċilju ta’ Trentu. San Karlu huwa magħruf bħala dak li waqqaf is-seminarji għall-formazzjoni ta’ dawk li għandhom is-sejħa għas-saċerdozju.

Fis-7.00pm, Mons. Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku ta’ Għawdex iċċelebra Quddiesa fil-kappella tas-Seminarju bħala radd il-ħajr lil Mulej. L-Isqof ħeġġeġ lis-seminaristi biex iħallu liż-żmien ta’ formazzjoni jkun żmien li fih ibiddlu l-loġika tagħhom sabiex din issir tixbah lil Kristu; loġika li mhix waħda ta’ egoiżmu imma ta’ mħabba u għotja lejn l-oħrajn. Fl-aħħar tal-Quddiesa, ir-Rettur Dun Richard Farrugia wassal messaġġ ta’ ringrazzjament lil Sr Pierantonia Muscat li għal dawn l-aħħar erba’ snin kienet qiegħda fil-komunità tas-sorijiet tas-Seminarju tagħna u li issa qiegħda fil-Casa Madre ta’ Strada Palma fil-Belt Victoria. Wara l-Quddiesa kien hemm ċena ta’ ringrazzjament ad unur ta’ Sr Pierantonia fir-refettorju tas-Seminarju.

F’dan il-jum inroddu ħajr lil Alla għall-ħafna vokazzjonijiet li ta lid-Djoċesi tagħna matul iż-żmien. Nitolbuh biex lid-Djoċesi tagħna jagħniha b’aktar vokazzjonijiet qaddisa u biex jagħti l-għajnuna lis-saċerdoti kollha li ħarġu minn dan is-Seminarju. Niftakru wkoll fil-ħafna benefatturi li tul is-snin sostnew lis-Seminarju tagħna, b’mod speċjali lis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù li ilhom jaqdu missjoni fis-Seminarju għal kważi dawn l-aħħar mitt sena.