News

Fostna fis-Seminarju…

Toledo Rector VisitTul l-aħħar jiem diversi nies żaruna fis-Seminarju.  Il-Ħamis 11 ta’ April ilqajna fostna lil saċerdot missjunarju mill-komunità tal-Missjunarji Qaddejja tal-Fqar tat-Tielet Dinja.  Hu kellimna dwar il-ħidma sabiħa li huma jwettqu bħala għaqda ta’ missjunarji fil-pajjiżi tat-tielet dinja, speċjalment fil-Perù.  Qalilna b’mod ċar li l-akbar bżonn li jeħtieġ il-bniedem, u għalhekk l-akbar rigal li wieħed jista’ jagħti lill-ieħor: hu Alla.  Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku ta’ din il-komunità: www.msptm.com jew facebook: Missionary Sptw-uk.

Maltese Seminarians (3)Il-Ġimgħa 12 ta’ April il-komunità tas-Seminarju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta kienet qiegħda għal xi ġranet Għawdex.  Filgħaxija ngħaqadna flimkien magħhom fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fejn flimkien għamilna laqgħa ta’ talb fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi.  Ir-Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex Dun Daniel Xerri u r-Rettur tas-Seminarju ta’ Malta Dun Jimmy Bonnici mexxew dan il-mument ta’ talb.  Dun Daniel, fil-bidu tiegħu stieden lis-seminaristi kollha sabiex iħarsu lejn Ommna Marija, f’din is-Sena tal-Fidi.  Din għandha tkun għal kull wieħed minna mudell, omm u gwida.  Bħalma hi għexet il-fidi tagħha b’mod sħiħ, hekk aħna msejħin biex bil-għajnuna u bl-interċessjoni tagħha nwettqu r-rieda ta’ Alla l-Missier sal-aħħar.

Maltese Seminarians (4)F’mument ieħor taċ-ċelebrazzjoni, Dun Jimmy wassal ukoll il-ħsieb tiegħu.  Hu rrifletta fuq is-siltiet mill-Iskrittura li ġew imxandra u tkellem fuq is-sbuħija tal-fidi, li twassal lill-persuna biex f’ħajjitha tibqa’ dejjem miftuħa għal Alla: “Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija…” (Lhud 11,9).  Bħal Abraham li f’ħajtu ma waqafx jistħarreġ u jwettaq ir-rieda t’Alla, Marija wkoll f’ħajjitha fetħet b’mod sħiħ il-qalb tagħha għal Alla.  It-tweġiba li hi tat lill-anġlu Gabriel ma kinitx “hawn jien” ta’ mument: hi baqgħet tgħix din ir-risposta affermattiva tul il-ħajja kollha tagħha.  Ġesù fi tmiem il-ħajja tiegħu ried li Marija tkun l-omm ta’ kull wieħed minna.  Għalhekk, aħna rridu nemmnu li l-Madonna hi verament l-omm tagħna lkoll: għandna nagħrfu l-imħabba tagħha u eventwalment nuruha r-rispett.  Aktar ma ninfetħu għar-rieda ta’ Alla u aktar ma nfittxu l-għajnuna ta’ ommna Marija, f’ħajjitna aħna nkunu kapaċi naqdfu aktar ’il barra u fil-fond.

Il-laqgħa ta’ talb intemmet permezz tal-istqarrija tal-fidi u bl-att ta’ affidament ta’ kull wieħed minna lill-Madonna.  Lura fis-Seminarju aħna lkoll kilna flimkien u kellna wkoll iċ-ċans li nitkellmu u naqsmu l-esperjenzi tagħna ma’ xulxin.

Ritratti

Share it on