Umana

L-għan tal-formazzjoni umana hu li tgħin lis-seminarista jimmatura u jsir bniedem adult. Huwa fatt li s-saċerdot irid ikun qabel kollox matur u responsabbli. Din il-formazzjoni tinvolvi proċess laborjuż, gradwali u li jieħu fit-tul…u tirrikjedi rażan u rieda qawwija fil-fażi inizjali u responsabilita’  kbira, iktar ‘il quddiem.

Matul l-ewwel sena ta’ formazzjoni, is-seminarista jkun jeħtieġ tmexxija u direzzjoni akbar peress li jkun għaddej minn bidliet fl-istil tal-ħajja tiegħu u fil-mod ta’ kif jaħsibha. Kull seminarista hu msejjaħ biex jikber f’għarfien aħjar u fl-aċċetazzjoni tiegħu nnifsu. Matul iż-żmien, irid jitgħallem isir aktar responsabbli u indipendenti.

Wara tliet snin ta’ formazzjoni, is-seminarista jieqaf mill-istudji tiegħu u jħalli s-seminarju, il-post tar-residenza tiegħu, għal sena. Matul din is-sena, il-grupp tal-formazzjoni jigwidaħ biex jagħmel esperjenza li tkun tista’ tgħinu jikber u jimmatura aħjar.

Bħala ragħaj futur tal-umanità, il-kandidat għas-saċerdozju jkun meħtieġ jikseb ċerti kwalitajiet li huma indispensabbli għas-saċerdot. Fost dawn insemmu is-sens ta’ inizjattiva, l-qawwa tal-ġudizzju, il-kapaċità li jassumi responsabilità, ikun bniedem ta’ fiduċja, ta’ min jafdah u ta’ karattru sod u jkollu sens ta’ dover. Dawn il-kwalitajiet iridu jkunu viżibbli fl-azzjonijiet tiegħu u fil-mod kif jirreaġixxi.