Lectio Divina

L-Iskrittura Mqaddsa minn dejjem kellha post speċjali fil-ħajja tal-Knisja. Ġesù nnifsu kien jitlob u jgħix bil-Kelma t’Alla. Kien jismagħha, jaqraha u jfissirha fis-Sinagoga. Kien jitlob biha, speċjalment bis-Salmi, flimkien mal-ġenituri tiegħu fid-dar ta’ Nazaret u aktar tard matul ħajtu mal-appostli jew waħdu, sa fuq is-salib. Fid-deżert huwa jikkumbatti u jirbaħ lix-xitan bil-qawwa tal-Kelma t’Alla. Kien jgħix skont dak li l-Ispirtu jnebbħu permezz tal-Kotba Mqaddsa u kien jaf li fih qed iseħħu l-profeziji tal-Iskrittura.

Fuq l-eżempju tiegħu, id-dixxipli u l-ewlenin insara tgħallmu jgħożżu l-Iskrittura u kienu jinġabru biex jaqsmu flimkien mhux biss l-Ewkaristija imma wkoll il-Kelma. Wara li qam mill-mewt Ġesù jibqa’ jfissrilhom l-Iskrittura, kif jagħmel maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Permezz tagħha huwa jibqa’ jagħmel lilu nnifsu preżenti fosthom. Mill-Kelma t’Alla l-Knisja dejjem irċeviet dawl u qawwa. Matul l-istorja ħafna kienu dawk li mmeditawha fil-fond, fosthom tant Missirijiet tad-deżert, u fiha sabu minjiera ta’ tagħlim li mbagħad għaddewh lill-Knisja fil-kitbiet u l-prietki tagħhom. Fiha fettxew u sabu l-verità l-Missirijiet tal-Knisja kull meta kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ xi tagħlim qarrieq li jhedded il-fidi nisranija. Fl-Iskrittura wkoll sabu l-konverżjoni tagħhom għadd midinbin li mbgħad saru qaddisin kbar, fosthom Sant’Anton Abbati, Santu Wistin, San Franġisk t’Assisi, Sant’Injazju ta’ Loyola, Santa Tereża ta’ Ġesù u tant oħrajn. Dan għaliex l-Iskrittura hija l-Kelma ta’ Alla, u “l-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, u taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar” (Lhud 4,12).

Minn hawn nifhmu wkoll l-importanza li l-Kelma t’Alla għandha fil-formazzjoni tas-saċerdot. Fil-Kelma t’Alla ż-żagħżugħ li qed jitħejja għas-saċerdozju jsib id-dawl li jeħtieġ biex jagħraf aħjar is-sejħa tiegħu u jwieġeb għaliha b’qalb ġeneruża u ferħana. Fid-dawl tal-Kelma t’Alla huwa jagħraf isawwar il-qalb tiegħu fuq il-Qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb u jrawwam fih l-istess sentimenti li kienu fi Kristu Ġesù. Bil-Kelma t’Alla f’idejh, jew aħjar f’moħħu u f’qalbu, is-seminarista jitħejja biex ’il quddiem, bħala saċerdot, ikun jista’ jmexxi u jqaddes lill-poplu t’Alla afdat f’idejh.

Fis-snin tal-formazzjoni tagħna aħna s-seminaristi Għawdxin imsejħin biex kuljum niftħu l-Iskrittura Mqaddsa u nitolbu biha fuq livell persunali, mill-inqas nofs siegħa kuljum, filgħodu, wara l-Quddiesa. Darba fil-ġimgħa dan nagħmluh flimkien, fuq livell komunitarju, permezz ta’ dik li fil-ħajja tal-Knisja tissejjaħ lectio divina. Il-Papa Benedittu XVI irrikmanda ħafna drabi din il-prattika tal-lectio divina speċjalment lis-saċerdoti u lis-seminaristi, kif ukoll liż-żgħażagħ.

X’inhi eżatt il-lectio divina? “Din tikkonsisti filli wieħed jieqaf fit-tul fuq silta tal-Bibbja, jaqraha u jerġa’ jaqraha, kważi jixtarrha, kif jgħidu l-Missirijiet tal-Knisja, u biex ngħidu hekk jagħsrilha s-sugu kollu tagħha, biex iżomm ħaj fih l-ispirtu ta’ meditazzjoni u kontemplazzjoni u hekk jagħti sens lill-ħajja konkreta tiegħu ta’ kuljum.” (Benedittu XVI, Anġelus, 6 ta’ Novembru 2005). Dan iwassal għad-djalogu ma’ Alla: “Il-qari intens tal-Iskrittura akkumpanjat mit-talb joħloq dak id-djalogu ma’ Alla li jitkellem, u li bit-talb aħna nweġbuh b’qalb miftuħa.”

B’dan il-mod il-laqgħa tagħna mal-Kelma ta’ Alla ssir tabilħaqq laqgħa ma’ Kristu. Fi tmiem is-sena tal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien qal: “Huwa fuq kollox meħtieġ li s-smiegħ tal-Kelma t’Alla jsir dejjem aktar laqgħa vera ma’ Kristu, laqgħa li tagħti l-ħajja, permezz ta’ dik it-tradizzjoni antika u dejjem ġdida li tissejjaħ lectio divina, li tislet mill-Kotba mqaddsa l-Kelma tal-ħajja; dik il-Kelma li ddaħħalna f’qoxritna, turina t-triq u tifforma l-ħajja tagħna” (Novo millennio ineunte, 39).

“Kundizzjoni meħtieġa għal-lectio divina”, ikompli jgħidilna l-Papa Benedittu XVI, “hija li l-moħħ u l-qalb ikunu mdawwlin mill-Ispirtu s-Santu, jiġifieri minn dak stess li nebbaħ l-Iskrittura, u għalhekk huwa importanti li dawn jitpoġġew f’atteġġjament ta’ smiegħ reliġjuż. Dan kien l-atteġġjament tipiku ta’ Marija Santissima, hekk kif turi tant tajjeb ix-xbieha tal-Annunzjazzjoni: il-Verġni tilqa’ l-Messaġġier tas-sema waqt li qed timmedita l-Iskrittura Mqaddsa, irrappreżentata normalment f’dak il-ktieb li naraw f’idejn Marija jew f’ħoġorha jew xi mkien ħdejha.” (Anġelus, 6 ta’ Novembru 2005).

Jolqotna speċjalment dak li l-Papa qal liż-żgħażagħ fil-XXI Jum Dinji tagħhom nhar id-9 t’April 2006:

“Għeżież żgħażagħ, ħobbu l-Kelma t’Alla… Immeditaw ta’ spiss il-Kelma t’Alla, u ħallu l-Ispirtu s-Santu jkun l-Imgħallem tagħkom. B’hekk tifhmu kemm il-ħsibijiet ta’ Alla m’humiex bħal dawk tal-bnedmin; b’hekk jirnexxilkom tagħrfu (tikkontemplaw) il-veru Alla u taqraw il-ġrajjiet tal-istorja bl-għajnejn ta’ Alla; b’hekk jirnexxilkom tiggustaw il-milja tal-ferħ li jiġi mill-verità.

“Jeħtieġ nifhmu bis-serjetà li l-Kelma t’Alla hija ‘arma’ l-aktar qawwija fit-taqbida spiritwali tagħna… Ejjew nitgħallmu nisimgħuha biex imbagħad inkunu nistgħu ngħixuha.

“Għeżież żgħażagħ, inħeġġiġkom biex issiru dejjem aktar midħla tal-Bibbja, iżżommuha qrib tagħkom, biex tkun għalikom bħal boxxla li turikom it-triq li minnha għandkom tgħaddu. Intom u taqrawha, titgħallmu tgħarfu lil Kristu. Jgħidilna San Ġirolmu: ‘Min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu.’

“Mod ta’ min ifaħħru ħafna biex wieħed japprofondixxi u jiggosta l-Kelma t’Alla huwa l-lectio divina. Din tikkonsisti f’mixja spiritwali vera u propja, magħmula minn mumenti diversi. Mil-lectio, li tikkonsisti filli wieħed jaqra u jerġa’ jaqra silta mill-Iskrittura Mqaddsa biex jieħu dawk li huma l-elementi prinċipali tagħha, wieħed jgħaddi għall-meditatio, li hija bħal waqfa nterjuri li fiha r-ruħ iddur lejn Alla u tfittex li tifhem dak li l-Kelma tiegħu qed tgħidlu llum għall-ħajja tiegħu. Tiġi mbagħad l-oratio, li tgħinna nibqgħu ma’ Alla fi djalogu dirett, biex naslu mbagħad fl-aħħar għall-contemplatio li tgħinna nżommu l-qalb attenta għall-preżenza ta’ Kristu, li l-Kelma tiegħu hija ‘bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu’ (2Pt 1,19). Il-qari, l-istudju u l-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla jridu mbagħad jinbidlu f’ħajja li taqbel ma’ Kristu u t-tagħlim tiegħu.” Din hija l-actio. U jkompli l-Papa:

“Li tibnu ħajjitkom fuq Kristu, li tilqgħu bil-ferħ il-Kelma tiegħu u li tgħixu t-tagħlim tiegħu: dan hu, għeżież żgħażagħ tat-tielet millennju, il-programm tagħkom! Huwa urġenti li tinbet ġenerazzjoni ġdida ta’ appostli li għandhom l-għeruq tagħhom fil-Kelma ta’ Kristu, li kapaċi jwieġbu għall-isfidi ta’ żmienna u lesi jxerrdu ma’ kullimkien il-vanġelu. Dan hu li jitlob minnkom il-Mulej; għal dan qed issejħilkom il-Knisja; dan hu li qed tistenna minnkom id-dinja, forsi anke bla ma taf. U jekk Ġesù qed isejħilkom, tibżgħux tgħidulu ‘iva’ b’ġenerożità, l-aktar meta jsejħilkom biex timxu warajh fil-ħajja kkonsagrata jew fil-ħajja saċerdotali. Tibżgħux! Afdaw fih, u ma jiddispjaċikomx!”

Dan il-kliem tal-Papa nħossuh jgħodd partikularment għalina ż-żgħażagħ li qed nitħejjew għas-saċerdozju. Għal dan il-għan kull nhar ta’ Tnejn fil-komunità tagħna tas-Seminarju t’Għawdex niltaqgħu flimkien biex nimmeditaw u nitolbu bl-Iskrittura mqaddsa permezz tal-lectio divina. Normalment nieħdu s-silta tal-vanġelu tal-Ħadd li jkun għadda. Dan bi spirtu ta’ gratitudni lejn il-Kelma li l-Mulej ikun tana bħala Knisja fil-jum ta’ qabel. Hekk wara li l-Kelma tkun ġiet mogħtija lilna bħala “rigal” fil-Liturġija ta’ Jum il-Mulej, aħna nerġgħu neħduha f’idejna biex nimmeditawha aktar fil-fond u nimpenjaw ruħna li ngħixuha. B’dan il-mod, ukoll, il-mixja tagħna mal-Kelma t’Alla tkun ħaġa waħda mal-mixja tal-Liturġija tal-Knisja. Fi tmiem il-ġimgħa nerġgħu niltaqgħu biex naqsmu flimkien (collatio) dak li l-Kelma t’Alla tkun għamlet fina matul il-ġimgħa. Hekk il-Kelma t’Alla tibqa’ tassew “musbieħ għal riġlejna u dawl fil-mogħdija tagħna” (Salm 119, 105).

B’sens ta’ gratitudni lejn il-Mulej li qalilna: “B’xejn irċivejtu, b’xejn agħtu” (Mt 10,8), nixtiequ naqsmu ma’ dawk li jżuruna fuq dan is-sit tagħna dawn ir-riflessjonijiet ta’ kull ġimgħa li lilna għenuna fil-laqgħat tal-lectio divina tagħna.